Termini tal-użu (“Termini”)

1. Deskrizzjoni tas-servizz

flimkien.eu hija pjattaforma kollaborattiva online (“Servizz”) li għandha l-għan li tħeġġeġ liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw fid-demokrazija.

Il-pjattaforma hija l-proprjetà tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament Ewropew, u ġiet żviluppata sabiex tagħti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet is-saħħa biex jaqdu rwol attiv fil-ħolqien ta' futur aħjar fl-UE. Hija tippermetti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jinteraġixxu mal-komunità ta' flimkien.eu u jaqsmu azzjonijiet, attivitajiet u esperjenzi permezz ta' kontenut multimedjali bħal clips awdjo, vidjows, immaġnijiet u testi (“Kontenut”). L-utenti jistgħu jaqsmu wkoll stejjer u testimonjanzi personali, jirrekordjaw azzjonijiet u avvenimenti, jissuġġerixxu u jorganizzaw avvenimenti għall-bqija tal-komunità, u jikkontribwixxu materjal promozzjonali biex jappoġġaw il-komunikazzjonijiet tal-Parlament.

2. Min jista' juża s-Servizz

Kwalunkwe persuna li tgħix fl-UE jew barra minnha li jkollha mill-inqas 13-il sena tista' tuża s-Servizz. Il-minorenni (taħt l-età ta' 18-il sena) irid ikollhom il-permess tal-ġenitur jew tal-kustodju legali tagħhom biex jużaw is-Servizz. Il-ġenituri jew il-kustodji legali ta' minorenni huma marbuta b'dawn it-Termini u huma responsabbli għall-użu li t-tfal tagħhom jagħmlu tas-Servizz.

Il-persuni li jużaw is-Servizz f'isem organizzazzjoni jikkonfermaw li għandhom l-awtorità legali li jaġixxu f'isem dik l-organizzazzjoni, u li dik l-organizzazzjoni taċċetta dawn it-Termini. L-organizzazzjonijiet huma obbligati jinfurmaw lill-Parlament dwar kwalunkwe bidla fl-organizzazzjoni u/jew jekk ir-rappreżentant tagħhom jitlaq mill-organizzazzjoni.

3. Kategoriji ta' utenti u funzjonalitajiet tas-Servizz

Il-pjattaforma flimkien.eu għandha kategoriji differenti ta' utenti (kollettivament imsejħa “Utenti”) li kull waħda minnhom tgawdi funzjonalitajiet differenti.

3.1. Utenti Mhux Reġistrati

L-"Utenti Mhux Reġistrati" huma l-utenti li ma jkunux ħolqu kont tal-login fuq flimkien.eu. Huma jistgħu jaċċessaw jew jibbrawżjaw l-informazzjoni, l-avvenimenti, iċ-ċentru tat-tniżżil, il-materjali tat-taħriġ u t-testimonjanzi murija fuq flimkien.eu. Huma jistgħu jissejvjaw l-avvenimenti fuq il-kalendarju tagħhom u jixxerjawhom fuq il-media soċjali. Fiċ-ċentru tat-tniżżil, l-Utenti Mhux Reġistrati jistgħu jniżżlu u jippersonalizzaw il-Kontenut viżiv dwar il-kampanji tal-Parlament. Huma permessi wkoll li jniżżlu l-materjal tal-kampanji ta' Utenti oħra.

3.2. L-Utenti Reġistrati

L-"Utenti Reġistrati" huma l-utenti li ħolqu kont tal-login fuq flimkien.eu. Huma jgawdu l-istess funzjonalitajiet bħall-Utenti Mhux Reġistrati. Madankollu, barra minn hekk, huma jistgħu jeditjaw l-informazzjoni fuq il-paġna personali tagħhom, jirreġistraw għall-avvenimenti, jattendu korsijiet ta' taħriġ u jirċievu emails.

3.3. Utenti Kontribwenti

L-“Utenti Kontribwenti” huma Utenti Reġistrati li jistgħu jipprovdu Kontenut għall-pubblikazzjoni fuq flimkien.eu fil-forma ta' avvenimenti u testimonjanzi. Huma jgawdu l-istess funzjonalitajiet bħall-Utenti Reġistrati. Barra minn hekk, huma jistgħu jtellgħu materjal tal-kampanji li jkunu jista' jitniżżel minn Utenti oħra. Dan il-Kontenut huwa soġġett għall-validazzjoni mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fuq flimkien.eu.

3.4. L-Organizzazzjonijiet Reġistrati

L-“Organizzazzjonijiet Reġistrati” huma l-organizzazzjonijiet li għandhom kont tal-login fuq il-pjattaforma flimkien.eu li jkun twaqqaf minn rappreżentant tal-organizzazzjoni. Meta jirreġistraw fuq flimkien.eu, huma jibdew jirċievu komunikazzjonijiet mill-Parlament (bullettini, stediniet għal seminars, stħarriġ, eċċ.). Dan huwa l-ewwel pass li kull organizzazzjoni trid tieħu qabel ma ssir Organizzazzjoni Kontribwenti.

3.5. Organizzazzjonijiet Kontribwenti

L-“Organizzazzjonijiet Kontribwenti” huma Organizzazzjonijiet Reġistrati li r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jipprovdu Kontenut għall-pubblikazzjoni fuq flimkien.eu. Ir-rappreżentanti tal-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jgawdu l-istess funzjonalitajiet bħall-Utenti Kontribwenti. Barra minn hekk, huma jistgħu jissuġġerixxu test qasir flimkien mal-isem u l-logo tal-organizzazzjoni biex jintużaw bħala profil pubbliku tal-organizzazzjoni. Huma jistgħu jżidu link għas-sit web u l-kontijiet tal-media soċjali tagħhom. Huma għandhom ukoll l-għażla li fuq il-profil pubbliku jżidu informazzjoni dwar kampanji. Dan il-kontenut huwa soġġett għal validazzjoni mill-Parlament qabel jiġi ppubblikat fuq flimkien.eu.

Barra minn hekk, l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jistgħu jipparteċipaw fil-forum iddedikat speċifikament għall-Organizzazzjonijiet Kontribwenti.

4. Termini applikabbli

Meta jkunu qed jaċċessaw u jużaw is-Servizz, l-Utenti kollha jaqblu li jintrabtu b'dawn it-Termini u l-politiki u l-avviżi addizzjonali li ġejjin:

  1.   L'avviż legali tas-siti web tal-Parlament, ħlief fejn iddikjarat mod ieħor f'dawn it-Termini;

  2.   Il-tal-politika tal-privatezza, li tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data u dwar kif id-data personali tiġi pproċessata fuq il-pjattaforma flimkien.eu;

  3.   Il-kodiċi ta' kondotta, li tiddefinixxi l-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-pjattaforma flimkien.eu.

Japplikaw termini speċifiċi għall-Utenti Kontribwenti u għall-Organizzazzjonijiet Kontribwenti (ara t-taqsima 7).

Il-Parlament jista' jimmodifika dawn it-Termini jew il-politiki msemmija hawn fuq sabiex jirriflettu l-bidliet fil-funzjonalitajiet tas-Servizz, jew għal raġunijiet legali u ta' sigurtà. Il-Parlament jinforma lill-Utenti bi kwalunkwe modifika sostanzjali ta' dawn it-Termini jew ta' kwalunkwe waħda mill-politiki ta' hawn fuq.

5. Sospensjoni u terminazzjoni

Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jittermina l-aċċess għas-Servizz għall-Utenti kollha li jiksru dawn it-Termini jew kwalunkwe waħda mill-politiki ta' hawn fuq applikabbli għalihom.

Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jissospendi jew jittermina l-aċċess għall-kontijiet fuq flimkien.eu li huma l-proprjetà tal-Utenti Reġistrati, l-Utenti Kontribwenti, l-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jekk iqis li hemm raġunijiet biex jagħmel dan, mingħajr ma joħloq l-ebda responsabbiltà min-naħa tiegħu fil-konfront tal-utenti msemmija hawn fuq, u b'mod partikolari fil-każ ta' ksur ripetut ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dawn it-termini u l-politiki.

Il-Parlament għandu b'mod formali jinnotifika minn qabel lill-Utenti Reġistrati, lill-Utenti Kontribwenti, lill-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew lill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti bl-intenzjoni tiegħu li jissospendi jew jittermina l-aċċess għall-kontijiet li huma l-proprjetà tagħhom fuq flimkien.eu , filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet ta' dan, u jistedinhom jissottomettu osservazzjonijiet jew jieħdu azzjonijiet ta' rimedju fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta jirċievu n-notifika.

Jekk, wara li jeżamina l-osservazzjonijiet sottomessi jew l-azzjonijiet ta' rimedju meħuda mill-Utenti Reġistrati, l-Utenti Kontribwenti, l-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti, il-Parlament jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedura ta' sospensjoni jew terminazzjoni, huwa għandu b'mod formali jinnotifika b'dan lill-Utenti Rreġistrati, lill-Utenti Kontribwenti, lill-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew lill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti.

Jekk ma tkun ġiet sottomessa l-ebda osservazzjoni jew jekk, minkejja l-osservazzjonijiet sottomessi mill-Utenti Reġistrati, l-Utenti Kontribwenti, l-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jew l-azzjonijiet ta' rimedju meħuda, il-Parlament jiddeċiedi li jsegwi l-proċedura ta' sospensjoni jew terminazzjoni, huwa għandu b'mod formali jinnotifika b'dan lill-Utenti Reġistrati, lill-Utenti Kontribwenti, lill-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew lill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta jirċievi t-tweġiba tas-sieħeb, filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet tas-sospensjoni jew it-terminazzjoni, id-data li fiha tidħol fis-seħħ u t-tul ta' żmien f'każ ta' sospensjoni.

L-Utenti Reġistrati, l-Utenti Kontribwenti, l-Organizzazzjonijiet Reġistrati u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti huma intitolati li jagħlqu l-kontijiet tal-utent tagħhom fi kwalunkwe ħin u jitterminaw l-użu tagħhom tas-Servizz. Madankollu, it-terminazzjoni tas-Servizz ma tista' teżenta lill-utenti mill-ebda responsabbiltà li tirriżulta mill-użi preċedenti tas-Servizz u mill-ksur ta' dawn it-Termini.

6. Termini ġenerali tal-użu għall-Utenti kollha

6.1. Użu tas-Servizz

Soġġett għal dawn it-Termini, l-Utenti jingħataw liċenzja dinjija, mhux esklussiva, mhux trasferibbli, mhux subliċenzjabbli u revokabbli biex jużaw is-software ipprovdut bħala parti mis-Servizz. Din il-liċenzja tippermetti lill-Utenti kollha jużaw is-Servizz biss f'konformità ma' dawn it-Termini.

Il-Kontenut ippubblikat fuq flimkien.eu jista' jintuża f'konformità ma' dawn it-Termini (ara t-taqsima 6.6.).

6.2. Użu tal-logo tal-Parlament Ewropew

Il-logo tal-Parlament jista' jintuża biss skont it-termini tal-użu tal-logo tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-Utenti fuq flimkien.eu.

6.3. Restrizzjonijiet fuq l-użu

Xejn f'dawn it-Termini ma jagħti lil xi Utent tas-Servizz id-dritt li:

  • jippretendi s-sjieda ta' kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali relatati mas-Servizz jew mal-Kontenut ippubblikat fuqu;

  • jirriproduċi, jiddistribwixxi, ibigħ, jilliċenzja jew jimmodifika kwalunkwe parti mis-Servizz jew kwalunkwe Kontenut ħlief kif permess minn dawn it-Termini jew kif permess mil-liġi applikabbli;

  • jaqbeż jew jiddiżattiva l-karatteristiċi tas-sigurtà tas-Servizz, jaġixxi b'mod frodulenti fil-funzjonament tas-Servizz jew b'xi mod ieħor ifixkel tali funzjonament;   

  • jaċċessa s-Servizz bl-użu ta' mezzi awtomatizzati bħal bots, eċċ.;

  • jiġbor jew juża d-data personali ta' Utenti oħra tas-Servizz, sakemm ma jkunx permess mill-persuni kkonċernati;

  • juża s-Servizz biex iqassam l-ispam;

  • juża s-Servizz biex iqassam kontenut kummerċjali jew politiku; 

  • juża s-Servizz biex ibigħ kwalunkwe tip ta' oġġetti jew servizzi.

6.4. Ksur tal-proprjetà intellettwali

Il-Parlament jirrispetta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi u jistenna li l-Utenti kollha jagħmlu l-istess meta jkunu qed jinteraġixxu fi ħdan il-komunità flimkien.eu. Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jneħħi kwalunkwe Kontenut li jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi u li jissospendi/jittermina l-kontijiet tal-Utenti ta' flimkien.eu li ripetutament jiksru d-drittijiet tal-awtur, it-trademarks jew drittijiet oħra tal-proprjetà intellettwali ta' oħrajn.

Kwalunkwe detentur tad-drittijiet li jemmen in bona fide li l-kontenut li jkun għamel disponibbli fuq flimkien.eu jikser id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet tat-trademarks tiegħu jista' jibgħat avviż lill-amministraturi tas-Servizz fuq copyright@together.eu.

6.5. Dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà

Il-Parlament ma jistax jinżamm responsabbli għad-danni diretti jew indiretti li jistgħu jirriżultaw mill-użu tas-Servizz. Il-Parlament jagħmel dak kollu li jista' biex innaqqsu kemm jista' jkun l-inkonvenjenzi kkawżati minn żbalji tekniċi. Xi data jew informazzjoni fuq flimkien.eu setgħet inħolqot jew ġiet strutturata f'files jew formati li mhumiex mingħajr żbalji. F'każijiet bħal dawn, il-Parlament ma jistax jiggarantixxi li s-Servizz ma jiġix interrott jew li ma jkunx affettwat minn problemi. Il-Parlament ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà għat-trażmissjoni difettuża ta' data li tista' sseħħ bħala riżultat tad-diversi networks tal-internet jew inkompatibilitajiet mal-brawżer tal-internet tal-Utent.

Il-Parlament ma jistax jiggarantixxi li l-informazzjoni minn sorsi esterni u l-Kontenut magħmula disponibbli mill-Utenti fuq flimkien.eu huma affidabbli jew aġġornati. L-informazzjoni fuq il-pjattaforma flimkien.eu u l-attivitajiet jistgħu jillinkjaw ma' siti jew applikazzjonijiet esterni li fuqhom il-Parlament m'għandu l-ebda kontroll u li għalihom ma jista' jaċċetta l-ebda responsabbiltà.

Meta l-Utenti ta' flimkien.eu jagħżlu li jsegwu link għal kwalunkwe sit web estern li mhuwiex fid-dominju europa.eu, huma jitilqu mid-dominju uffiċjali tal-Parlament u jkunu soġġetti għall-politika tal-cookies, il-politika tal-privatezza u l-politika legali tas-sit web estern.

Il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni tad-data u tal-aċċessibilità tas-siti web esterni kollegati ma' flimkien.eu taqa' barra mill-kontroll tal-Parlament u hija r-responsabbiltà espliċita tas-sit web estern.

Din iċ-ċaħda ta' responsabbiltà m'għandhiex l-intenzjoni li tillimita r-responsabbiltà tal-Parlament skont l-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.6. Użu tal-Kontenut

Għal raġunijiet ta' ċarezza, b' “Kontenut” għandna nifhmu test, data (mhix personali) u elementi multimedjali bħal testi, tpinġijiet, grafika, ikoni, immaġnijiet, ritratti, materjal awdjo u vidjo, magħmula disponibbli fuq flimkien.eu mill-Parlament, mill-Utenti Kontribwenti jew mill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti.

6.6.1.  Kontenut ipprovdut mill-Parlament

Il-Kontenut ipprovdut mill-Parlament huwa l-proprjetà esklużiva tal-UE. L-Utenti jintrabtu li jirrispettaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma mill-UE mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi applikabbli.

Bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid (ir-riproduzzjoni jew l-użu) tad-data testwali u tal-elementi multimedjali li huma proprjetà tal-UE (identifikati bil-kliem "© Unjoni Ewropea, [sena/snin] – Sors: Parlament Ewropew" jew "© Unjoni Ewropea, [sena/snin] – PE") jew ta' partijiet terzi (© Sors estern, [sena/snin]), u li għalihom l-UE żżomm id-drittijiet tal-użu, huwa awtorizzat għall-użu personali jew għat-tixrid ulterjuri mhux kummerċjali jew kummerċjali, dment li jiġi riprodott l-element sħiħ u jiġi rikonoxxut is-sors. F'xi każijiet, madankollu, l-użu mill-ġdid ta' ċerta data tista' tkun soġġetta għal kundizzjonijiet differenti; f'dan il-każ, l-element ikkonċernat huwa akkumpanjat minn tismija tal-kundizzjonijiet speċifiċi relatati miegħu.

Kwalunkwe riproduzzjoni parzjali ta' data jew ta' elementi multimedjali minn din il-pjattaforma trid tikkwota wkoll il-link URL tal-element sħiħ jew il-paġna web minn fejn ikun ittieħdet.

L-Utenti jintrabtu li ma jħassru jew jibdlu l-ebda indikazzjoni tal-awtur jew tas-sors u li ma jippruvawx iduru mal-miżuri tekniċi stabbiliti biex jipproteġu d-dokumenti u l-elementi multimedjali, bħal restrizzjonijiet fuq l-istampar jew it-tniżżil u ttaggjar viżibbli jew inviżibbli. Kull ksur jista' jwassal biex jittieħdu proċedimenti ċivili u kriminali.

It-traduzzjoni ta' testi jew dokumenti għal lingwi li mhumiex il-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali murija fuq flimkien.eu hija awtorizzata dment li jingħata rikonoxximent xieraq f'post prominenti, segwit minn ċaħda ta' responsabbiltà adegwata, it-tnejn li huma tradotti għal-lingwa rilevanti:

"Tradott mill-verżjoni oriġinali [speċifika l-lingwa] ppubblikata mill-Unjoni Ewropea fuq flimkien.eu [speċifika l-URL]: © Unjoni Ewropea, [sena/snin] – Sors: Parlament Ewropew"; jew "© Unjoni Ewropea, [sena/snin] – PE", "[Isem id-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tat-traduzzjoni] jassumi/tassumi responsabbiltà sħiħa għat-traduzzjoni għal-lingwa [speċifika l-lingwa fil-mira]"

6.6.2.  Kontenut ipprovdut mill-Utenti Kontribwenti u mill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti

L-uniku mod kif l-Utenti jistgħu jużaw il-Kontenut sottomess fuq flimkien.eu mill-Utenti Kontribwenti u mill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti huwa biss skont il-funzjonalitajiet u l-użi deskritti f'dawn it-Termini. Tali użu mill-ġdid huwa permess biss għall-finijiet ta' komunikazzjoni u involviment fil-kuntest tal-objettivi ta' flimkien.eu, dment li s-sors tal-Kontenut (jiġifieri flimkien.eu) jiġi rikonoxxut u jingħata l-krettu xieraq lis-sid(ien) rilevanti tal-Kontenut.

L-Utenti ma jistgħux jużaw mill-ġdid il-Kontenut sottomess mill-Utenti Kontribwenti u mill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti fuq flimkien.eu għal skopijiet kummerċjali jew għal kwalunkwe skop ieħor mhux permess b'mod speċifiku f'dawn it-Termini (ara wkoll it-taqsima 7.6).

7. Termini speċifiċi tal-użu għall-Utenti Kontribwenti u għall-Organizzazzjonijiet Kontribwenti

7.1. Sottomissjoni Kontenut mill-Utenti Kontribwenti

L-Utenti Kontribwenti jistgħu jissottomettu Kontenut fuq flimkien.eu biss meta jkunu rreġistraw ruħhom fuq il-pjattaforma flimkien.eu u jkunu ħolqu kont tal-utent billi jindikaw isimhom, kunjomhom u l-indirizz tal-email tagħhom, f'konformità ma' dawn it-Termini u Il-tal-politika tal-privatezza

7.2. Sottomissjoni tal-Kontenut mill-Organizzazzjonijiet Kontribwenti

L-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jistgħu jissottomettu Kontenut biss meta r-rappreżentanti tagħhom ikunu rreġistraw ruħhom mal-pjattaforma flimkien.eu u jkunu ħolqu kont tal-utent billi jindikaw isimhom, kunjomhom, l-indirizz tal-email, l-isem tal-organizzazzjoni u l-pożizzjoni tagħhom, skont dawn it-Termini u l-politika tal-privatezza.

Il-profil pubbliku u l-kampanji li jidhru tal-Organizzazzjonijiet Kontributuri jridu jitfasslu b'waħda mil-lingwa uffiċjali tal-UE.

7.3. Sjieda tal-kontenut

L-utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti huma responsabbli għal kwalunkwe Kontenut sottomess minnhom u jżommu d-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali għal tali Kontenut.

7.4. Rieżami tal-kontenut u kodiċi ta' kondotta

L-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jridu jiggarantixxu li se jirrispettaw il-kodiċi ta' kondotta u li mhux se jiddistribwixxu permezz tas-Servizz xi Kontenut li jikser dawn it-Termini u/jew il-kodiċi ta' kondotta.

Il-kontenut sottomess għal flimkien.eu minn Utenti Kontribwenti u minn Organizzazzjonijiet Kontribwenti se jiġi rieżaminat mill-Parlament. Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jħassar jew jirrifjuta l-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe Kontenut li ma jkunx konformi ma' dawn it-Termini jew Il-kodiċi ta' kondotta, mingħajr ma joħloq xi responsabbiltà min-naħa tiegħu fil-konfront tal-Kontributur.

Ir-rieżami tal-Kontenut mill-Parlament ma għandux jillimita r-responsabbiltà tal-Utenti Kontribwenti u tal-Organizzazzjonijiet Kontribwenti, li jibqgħu għalkollox responsabbli għall-Kontenut tagħhom u responsabbli għal kwalunkwe dannu jew responsabbiltà oħra li tirriżulta mill-użu illegali tas-Servizz, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi.

7.5. Liċenzja għall-UE

Meta jkunu qed jissottomettu Kontenut fuq jew permezz ta' flimkien.eu, l-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jagħtu lill-UE, irrappreżentata mill-Parlament, liċenzja dinjija, mhux esklussiva, trasferibbli, mingħajr royalties, mhux kummerċjali u subliċenzjabbli għall-użu ta' dak il-Kontenut, inklużi d-drittijiet li tirriproduċih, timmodifikah, tittraduċih, toħloq xogħlijiet derivattivi minnu, tiddistribwixxih, turih u tikkomunikah fi kwalunkwe media u fil-media kollha, għall-finijiet tat-tħaddim, il-promozzjoni jew it-titjib tal-pjattaforma flimkien.eu jew għall-promozzjoni tal-attivitajiet tal-Parlament, dment li s-sors u s-sid tal-Kontenut jiġu rikonoxxuti.

Il-Kontenut jista' jixxerred fuq is-siti web tal-Parlament, fil-midja soċjali, fl-avvenimenti ta' informazzjoni u ta' involviment u fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni l-oħra kollha tiegħu.

Il-liċenzja tingħata għat-tul ta' żmien kollu tad-drittijiet tal-awtur u, fejn applikabbli, tad-drittijiet relatati. Jekk il-Kontenut jitneħħa, il-liċenzja tiġi tterminata għall-użi futuri iżda mhux għall-użi permessi qabel it-tneħħija tiegħu.

7.6. Liċenzja għall-Utenti

L-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jagħtu wkoll lill-Utenti ta' flimkien.eu liċenzja dinjija, mhux esklussiva, mhux trasferibbli, mingħajr royalties, mhux kummerċjali u mhux subliċenzjabbli biex jaċċessaw jew jużaw il-Kontenut tagħhom permezz tas-Servizz, inklużi d-drittijiet li jirriproduċu, jimmodifikaw, jittraduċu, joħolqu xogħlijiet derivattivi, jiddistribwixxu, juru u jikkomunikaw dak il-Kontenut lill-pubbliku fi kwalunkwe media u fil-media kollha, kif magħmlu possibbli mill-funzjonalitajiet tas-Servizz u biss għall-komunikazzjoni u l-involviment fil-qafas tal-objettivi ta' flimkien.eu, dment li s-sors tal-Kontenut (jiġifieri flimkien.eu) jiġi rikonoxxut u jingħata l-krettu xieraq lis-sid(ien) rilevanti tiegħu.

Il-liċenzja tingħata għat-tul ta' żmien kollu tad-drittijiet tal-awtur u, fejn applikabbli, tad-drittijiet relatati. Jekk il-Kontenut jitneħħa, il-liċenzja tiġi tterminata għall-użi futuri iżda mhux għall-użi permessi qabel it-tneħħija tiegħu.

7.7. Garanziji

L-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti b'dan jiggarantixxu li:

  • huma l-awtur u/jew id-detentur tad-drittijiet tal-Kontenut imtella' u/jew kisbu l-liċenzji kollha meħtieġa u l-kunsens mill-partijiet terzi li għandhom drittijiet fuq tali Kontenut;

  • huma intitolati li jagħtu lill-Parlament u lil Utenti oħra liċenzja biex jużaw il-Kontenut skont dawn it-Termini;  

  • l-ebda parti terza ma għandha xi dritt fuq il-Kontenut imtella' li jista' b'xi mod jillimita d-drittijiet tal-Parlament jew ta' Utenti oħra li jirriżultaw minn dawn it-Termini;

  • il-Kontenut sottomess ma jikser l-ebda liġi u l-ebda dritt ta' xi parti terza bħad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, it-trademarks, il-privattivi, id-drittijiet tal-immaġni tal-persuni rappreżentati u d-drittijiet tal-privatezza.

7.8. Responsabbiltà

L-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti huma għalkollox responsabbli għall-Kontenut tagħhom u huma espressament meħtieġ li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet defamatorji u li ma jiksru jew jawtorizzaw l-ebda ksur tad-dritt tal-awtur, tat-trademark, tal-protezzjoni tad-data u tal-liġi tal-privatezza, jew kwalunkwe dritt legali ieħor.

Il-Parlament ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà f'każijiet bħal dawn u l-Utent Kontribwenti jew l-Organizzazzjoni Kontribwenti responsabbli jkunu responsabbli għal kwalunkwe dannu jew responsabbiltà oħra li tinqala'.

L-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe telf jew dannu kkawżat lill-Parlament jew lil partijiet terzi mill-imġiba illegali tagħhom waqt li jkunu qed jużaw is-Servizz.

Il-Kontributuri jaqblu li jiddefendu, jikkumpensaw u jżommu lill-Parlament bla ħsara minn u kontra kwalunkwe pretensjoni, kawża jew proċediment li jirriżultaw minn kwalunkwe ksur ta' dawn it-Termini, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi u drittijiet oħra tal-proprjetà intellettwali.

7.9. Data personali relatata ma' kontribuzzjoni

Id-data personali tinżamm sakemm il-pubblikazzjoni tal-kontribuzzjoni relatata fuq il-pjattaforma flimkien.eu titqies rilevanti mill-kontrollur tad-data, fejn il-Kontenut jitqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kollha li jużaw il-pjattaforma. Il-Kontributuri jistgħu jitolbu wkoll li l-kontribuzzjonijiet tagħhom stess jitħassru.

L-ebda data personali speċifika mhi se tintwera fuq il-pjattaforma jew kwalunkwe sit web ieħor, ħlief:

  • l-isem tal-Kontributur (jew l-isem u l-kunjom jekk il-Kontributur jixtieq li jiġi kkreditat);

  • ritratt tal-Kontributur; 

  • ritratt li jista' jinkludi persuna li tista' tiġi identifikata;

  • dettalji kuntestwali oħra li l-Kontributur jista' jesprimi fil-parti speċifika tal-Kontenut.

Għad-data personali relatata mal-kont flimkien.eu, jekk jogħġbok irreferi għall-paġna ddedikata Il-tal-politika tal-privatezza .