Politika tal-privatezza


1. Introduzzjoni


Mill-11 ta' Diċembru 2018, il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018[1]. Dan ir-Regolament isegwi l-istess prinċipji u regoli bħal dawk stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[2].

L-informazzjoni li qed nagħtuk hawn taħt hija bbażata fuq l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Dan is-sit jista' jkun fih links għal siti oħrajn. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-prattiki jew il-politiki tal-privatezza ta' siti terzi.


2. Għaliex niġbru, inżommu u nipproċessaw id-data tiegħek?


Niġbru u nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek sabiex inżommu kuntatt maċ-ċittadini li b'mod volontarju jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li jiġu infurmati jew involuti fil-ħidma ta' kuljum tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, l-ipproċessar hu bbażat fuq id-deċiżjoni tal-Bureau PE 636.718/BUR tas-17 ta' Ġunju 2019, kif deskritta f'PV\1186432MT.docx, li fiha l-Membri tal-Parlament Ewropew enfasizzaw "l-importanza li jinżamm, anke wara l-elezzjonijiet, in-netwerk stabbilit tas-sħab privati u pubbliċi" u esprimew il-fehma li "l-komunikazzjoni dwar il-Parlament Ewropew liċ-ċittadini trid tkun xi ħaġa kontinwa, u mhux sforz iżolat li jsir darba kull ħames snin qabel l-elezzjonijiet".

L-informazzjoni personali tiegħek tiġi ttrattata skont il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 5(1), punti (a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725. Il-kompiti relatati mal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni istituzzjonali tal-Parlament Ewropew isiru fl-interess pubbliku u huma bbażati fuq il-Qafas ta' Eżekuzzjoni Strateġiku tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew jipproċessa d-data personali tiegħek meta dan ikun assolutament neċessarju għat-twettiq tal-kompiti msemmija qabel, u dejjem jekk tkun tajt il-kunsens inekwivokabbli tiegħek għall-ipproċessar. Id-data personali tiegħek tiġi pproċessata esklużivament għall-finijiet stabbiliti meta tkun intbagħtet.


3. Min hu responsabbli mid-data tiegħek? (Il-kontrollur)


Id-data tiegħek tiġi pproċessata taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew jara li l-istituzzjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) iservi ta' awtorità superviżorja indipendenti. Il-KEPD jara li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jirrispettaw il-kunfidenzjalità meta jipproċessaw id-data personali tal-individwi.


4. X'data personali niġbru?


Niġbru biss l-informazzjoni li jkollna bżonn għall-finijiet stabbiliti meta niġbruha, u min-naħa tiegħek tista' taġġorna din l-informazzjoni xħin trid.

Aħna niġbru informazzjoni mingħandek kif ġej:

  • personalment u/jew fuq it-telefon;

  • meta tirreġistra fis-sit tagħna.

Hawn taħt issib l-informazzjoni li nistgħu niġbru mingħandek, bil-permess tiegħek:

  • ismek u kunjomok;

  • id-dettalji tiegħek (eż. l-indirizz tal-email, il-post fejn tgħix, in-numru tat-telefon, eċċ.);

  • il-lingwa li tippreferi;

  • ritratt tal-profil;

  • links għal accounts fuq il-midja soċjali bħal Facebook, Twitter eċċ.;

  • il-preferenzi biex nikkomunikaw miegħek fil-futur, inkluż dwar l-abbonamenti u l-oqsma li jinteressawk f'wieħed jew aktar mis-suġġetti li tkun tixtieq tirċievi aktar informazzjoni dwarhom (mhux obbligatorja).

  • Il-Parlament Ewropew iżomm kont tal-għadd ta' utenti reklutati minn utenti oħrajn permezz tal-pjattaforma għal finijiet ta' statistika u rappurtar.

  • Il-Parlament Ewropew iżomm ukoll kont tar-rati tal-emails li jkunu ġew miftuħa għal skopijiet ta' statistika u rappurtar.

Kun af li, skont opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, permezz tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data msemmija hawn fuq tista' tkun suġġett għat-tfassil ta' profil sabiex tirċievi informazzjoni li tkun rilevanti għall-interessi tiegħek.


Cookies u ħażna lokali

Dan is-sit juża l-cookies esklużivament biex jippermetti l-funzjonijiet jew iġibhom aħjar, jew biex itejjeb l-esperjenza tal-utent. Il-Parlament Ewropew juża l-kumpanija AT Internet biex jiġbor data anonimizzata għal finijiet ta' statistika biss. Il-Parlament fl-ebda ċirkustanza ma juża l-cookies biex jiġbor, jipproċessa, ixerred jew jirreġistra data personali. Tista' faċilment tibdel is-settings tal-cookies wara l-għażla inizjali tiegħek billi tagħfas il-link "Biddel il-preferenzi dwar il-cookies" f'qiegħ il-paġna.


X'tagħmel jekk ma tridx li jinżammu cookies fuq il-kompjuter tiegħek?

Uħud iqisu li l-idea li tinżamm informazzjoni fuq il-kompjuter, it-tablet jew il-mobile tagħhom hija kemxejn invażiva, partikolarment meta dik l-informazzjoni tinżamm u tintuża minn terzi mingħajr l-għarfien tagħhom. Jekk tippreferi, tista' timblokka wħud minn dawn il-cookies jew kollha kemm huma, u saħansitra tħassar il-cookies li diġà jkollok, iżda tajjeb tkun taf li tista' titlef xi funzjonijiet. Biex tagħmel dan, trid tbiddel is-settings tal-privatezza tal-browser tiegħek.

Xi operaturi terzi żviluppaw għodod li jippermettulek tiddiżattiva l-ġbir u l-użu tad-data.


Cookies ta' terzi

Facebook, Twitter, Youtube u Google Maps jistgħu jissettjaw cookies għall-qsim ta' kontenut fuq in-networks soċjali jew għall-produzzjoni ta' statistika dwar l-aċċess. Il-preżenza, l-għadd u l-istatus tal-cookies jiddependu minn kif tuża l-pjattaformi kkonċernati qabel jew waqt li tkun qed iżżur is-sit tal-Parlament. Meta taċċetta dawn il-cookies ta' terzi tkun potenzjalment fil-mira għal skopijiet ta' reklamar.

Għandek tara x'inhi l-politika tas-siti rilevanti dwar il-cookies tan-networks soċjali billi tagħfas fuq il-links rilevanti. Tista' faċilment tibdel is-settings tal-cookies wara l-għażla inizjali tiegħek billi tagħfas fuq il-link "Biddel il-preferenzi dwar il-cookies" f'qiegħ il-paġna.


Xi tkun cookie?

Il-biċċa l-kbira tas-siti li żżur fuq l-internet jużaw il-cookies biex itejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Permezz tagħhom, is-siti "jiftakruk" – għat-tul taż-żjara tiegħek (billi jużaw "cookie temporanja") jew għal żjarat ripetuti (billi jużaw "cookie persistenti").

Il-cookies jista' jkollhom bosta funzjonijiet differenti. Jippermettulek tinnaviga bejn paġna u oħra b'effiċjenza, iżommu nota tal-preferenzi tiegħek u, b'mod ġenerali, itejbulek l-esperjenza tiegħek fuq is-sit. Il-cookies iħaffu u jiffaċilitaw l-interazzjoni bejnek u bejn is-sit. Kieku sit ma jużax il-cookies, kull darba li tmur f'paġna ġdida jaħsbek viżitatur ġdid – pereżempju, meta tagħlaq menu u tmur f'paġna oħra, ma jiftakarx li tkun għalaqt dak il-menu fil-paġna preċedenti u allura jurik il-paġna li jmiss bil-menu ta' dik il-paġna miftuħ.

Barra minn hekk, xi siti jużaw il-cookies biex jimmiraw ir-riklami jew il-messaġġi kummerċjali tagħhom skont, pereżempju, il-lokalità tiegħek u/jew id-drawwiet tiegħek fuq l-internet.

Jista' jkun li l-cookies ikunu qed jintużaw mis-sit stess li tkun qed iżżur ("cookies interni") jew jistgħu jkunu qed jintużaw minn siti oħra li jkollhom kontenut fuq il-paġna li tkun qed tikkonsulta ("cookies ta' terzi").


Xi jkun fiha cookie?

Cookie hija file ta' test sempliċi li s-server ta' sit fuq l-internet iżomm fil-kompjuter, it-tablet jew il-mobile tiegħek. Sussegwentement, dak is-server ikun jista' jirkupra jew jaqra l-kontenut ta' dik il-cookie. Il-cookies jiġu amministrati mill-browser tiegħek. Kull cookie hija unika u tinkludi xi informazzjoni anonima bħal identifikatur uniku, isem is-sit, ċifri u ittri. Permezz tagħha, is-sit jiftakar il-preferenzi tiegħek.

Tipi ta' cookies


a) Cookies interni

Il-cookies interni jintużaw mis-sit li tkun qed iżżur u jistgħu jinqraw biss minn dak is-sit.

b) Cookies ta' terzi

Il-cookies ta' terzi jintużaw minn organizzazzjoni li ma tkunx is-sid tas-sit li tkun qed iżżur. Pereżempju, biex isir jaf kemm qed ikollu viżitaturi, sit jista' juża ditta tal-analitika ta' terzi, li tuża cookie tagħha stess biex twettaq dak is-servizz. Is-sit li tkun qed iżżur jaf ikun fih kontenut inkorporat, eż. filmati minn YouTube jew sensiela ta' ritratti minn Flickr. Anki dawk is-siti jistgħu jużaw il-cookies tagħhom. Ta' importanza ikbar huwa l-fatt li sit jista' juża network pubbliċitarju ta' terzi biex jipprovdi riklamar immirat. Il-Parlament ma jużax servizzi ta' riklamar.

c) Cookies temporanji

Il-cookies temporanji jinżammu temporanjament għas-sessjoni ta' navigazzjoni u jitħassru mill-apparat tal-utent meta dan jagħlaq il-browser.

d) Cookies persistenti

Il-cookies persistenti jinżammu fuq il-kompjuter tiegħek għal perjodu fiss (normalment għal sena jew aktar) u ma jitħassrux meta tagħlaq il-browser. Aħna nużawhom meta jkollna bżonn inkunu nafu min int għal aktar minn sessjoni waħda.

e) Cookies Flash

Ħafna siti jużaw l-Adobe Flash Player biex jipprovdu kontenut fl-għamla ta' filmati u infografika. L-Adobe juża l-cookies tiegħu, li ma jistgħux jiġu amministrati permezz tas-settings tal-browser tiegħek. Dawn jintużaw mill-Flash Player għall-istess raġuni li jintużaw il-cookies l-oħra, jiġifieri biex jinżammu l-preferenzi jew jiġu lokalizzati l-utenti.
Il-cookies Flash jaħdmu differenti mill-cookies tal-browser tiegħek. Minflok juża cookies speċifiċi għal funzjonijiet speċifiċi, sit ikun ristrett iżomm id-data kollha relatata mas-sit f'cookie waħda. Inti tista' tikkontrolla kemm tista' tinżamm informazzjoni f'dik il-cookie, iżda ma tistax tagħżel x'tip ta' informazzjoni tinżamm.


5. Lil min tingħata d-data tiegħek?


Il-persunal tal-Parlament Ewropew u tal-proċessur tad-data biss ikollhom aċċess għad-data tiegħek. Il-Parlament Ewropew ma jittrażmetti l-ebda data lil persuni oħra għajr lil dawn id-destinatarji. Il-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi jiġu involuti biss f'każ ta' awditu jew proċeduri ġudizzjarji. Il-Parlament Ewropew ma jaqsamx data personali ma' terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta.

F'xi ċirkustanzi, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqsmu informazzjoni volontarjament mal-komunità billi jissottomettu testimonjanzi u materjal awdjoviżiv. F'dawn il-każijiet jintalab kunsens addizzjonali. Dan il-kunsens ikun validu biss għal testimonjanza/materjal awdjoviżiv partikolari wieħed jew waħda li l-utent jikkondividi fuq is-sit.


6. Għal kemm żmien tinżamm id-data tiegħek?


Id-data personali tinħażen għall-finijiet li tkun inġabret għalihom sa meta s-suġġetti tad-data jitolbu li titneħħa jew sa meta tingħalaq il-pjattaforma "flimkien.eu". Barra minn hekk, fil-bidu ta' kull leġiżlazzjoni, is-suġġett tad-data jiġi mfakkar dwar id-data miġbura mill-parlament u dwar il-possibbiltà li jagħmel talba għal aċċess.


7. Kif tinżamm id-data tiegħek?


Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jipproteġi s-sigurtà tal-informazzjoni personali tiegħek. Nużaw varjetà ta' teknoloġiji u proċeduri ta' sigurtà bil-għan li nipproteġu l-informazzjoni personali tiegħek minn aċċess, użu jew divulgazzjoni bla permess.

Id-data personali tiegħek tinżamm f'servers siguri b'aċċess limitat u f'faċilitajiet ikkontrollati. Għal skopijiet ta' ħażna u manutenzjoni, id-data personali tista' tiġi ttrasferita fl-Istati Uniti f'konformità mal-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 u fil-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-US.


8. Kif tista' tara d-data tiegħek, tiċċekkja l-preċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm bżonn, tikkoreġiha jew tħassarha?

Meta l-informazzjoni personali tiegħek tiġi pproċessata mill-Parlament Ewropew (jew minn kwalunkwe istituzzjoni tal-UE), għandek id-dritt li tkun taf.

Għandek id-dritt taċċessa l-informazzjoni u tirrettifikaha mingħajr dewmien żejjed jekk din ma tkunx eżatta jew kompluta.

Għandek id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe mument, mingħajr ma dan jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens li tkun tajt qabel l-irtirar.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, għandek id-dritt titlobna nħassru d-data personali tiegħek jew nillimitaw l-użu tagħha.

Fejn applikabbli, għandek id-dritt toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek fi kwalunkwe mument, u għandek id-dritt għall-portabbiltà tad-data. Aħna nikkunsidraw it-talba tiegħek, nieħdu deċiżjoni u nikkomunikawhielek mingħajr dewmien żejjed u, ikun xi jkun, fi żmien xahar minn meta nirċievu t-talba. Jekk ikun hemm bżonn, dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahrejn oħra.

Tista' titlob li, meta jkun possibbli, nikkomunikaw kwalunkwe tibdil fid-data personali tiegħek lil partijiet oħra li tkun ingħatatilhom din id-data. Għandek ukoll id-dritt li ma tkunx soġġett għal deċiżjonijiet awtomatizzati (magħmula minn magni biss) li jaffettwawk, kif definit mil-liġi.

Ikun xi jkun il-każ, għandek id-dritt tirrikorri għand il-KEPD bħala awtorità superviżorja.

Id-drittijiet li għandek fuq id-data personali tiegħek huma indikati fl-Artikoli 17 sa 24 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

F'każ ta' bżonn, tista' tikkuntattja lill-Unità tal-Komunikazzjoni bl-Internet. Jekk l-Unità ma tkunx f'pożizzjoni li twieġeb għat-talba tiegħek, jintalab appoġġ tekniku mingħand il-proċessur tad-data.

Jekk ikollok xi dubji dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni personali tiegħek fuq din il-pjattaforma, tiddejjaqx tikkuntattja lill-Unità tal-Komunikazzjoni bl-Internet jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew:

Kuntatt:

Parlament Ewropew
Directorate-General for Communication – Web Communication Unit
Rue Wiertz 60
B-1047 Brussels
dataprotection@together.eu

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew
Email: Data-Protection@europarl.europa.eu


9. Rikors

Tista' tindirizza kwalunkwe lment:

  • lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew

Email: edps@edps.europa.eu


_________________________________________________________________________________

[1] Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.
[2] Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data.