Kodiċijiet ta' kondotta

flimkien.eu (together.eu) hija l-pjattaforma komunitarja mhux partiġġjana tal-Parlament Ewropew li hija indipendenti minn kwalunkwe partit politiku u ideoloġija. L-objettiv tal-pjattaforma flimkien.eu huwa li tippromwovi l-involviment demokratiku fl-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew bħala istituzzjoni ma jappoġġjax xi partit politiku jew Membru speċifiku tal-Parlament Ewropew.

Dan il-kodiċi ta' kondotta jiddefinixxi l-prinċipji li jirregolaw il-pjattaforma flimkien.eu. Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-pjattaforma hija volontarja u m'għandhiex tintuża biex jitwettqu interessi kummerċjali jew privati.

L-utenti ta' flimkien.eu huma definiti fit- it-termini tal-użu tal-pjattaforma. L-utenti u l-organizzazzjonijiet kollha għandhom jirrispettaw din il-kodiċi ta' kondotta. Għall-utenti u l-organizzazzjonijiet kontribwenti japplikaw termini speċifiċi.

Meta jkunu qed jużaw is-servizz jew meta jirreġistraw fuq flimkien.eu, l-utenti mhux reġistrati, l-utenti reġistrati u l-organizzazzjonijiet reġistrati jimpenjaw ruħhom li ma jesprimux opinjonijiet, jikkondividu kontenut jew jorganizzaw avvenimenti li:

  • imorru kontra l-valuri tal-UE tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn xi minoranza, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat- Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) ;

  • imorru kontra d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji mniżżla fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

  • ikunu offensivi jew jiddiskriminaw abbażi tad-dehra, ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-sess, il-kultura jew il-post tat-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (l-Artikolu 10 tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ;

  • jippromwovu lil partit politiku jew kandidat partikolari;

  • ixewxu għall-vjolenza kontra persuni oħra u/jew biex jingħata fastidju lil persuni oħra;

  • huma pornografiċi jew fihom links għal materjal jew siti web pornografiċi;

  • jippromwovu jew jiffaċilitaw attivitajiet illegali;

  • ikunu illegali, ta' mibegħda, jew ikunu foloz jew qarrieqa b'mod intenzjonat.

Meta jkunu qed jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv fi flimkien.eu, l-Utenti Kontribwenti u l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti kollha jaqblu li:

  • jikkontribwixxu proposti kostruttivi u konkreti għal flimkien.eu li jirrispettaw l-opinjonijiet ta' ċittadini u organizzazzjonijiet oħra;

  • jippromwovu avvenimenti li huma inklużivi u aċċessibbli;

  • jinkoraġġixxu d-diversità fid-dibattiti billi jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini minn kull qasam tal-ħajja, irrispettivament mill-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, l-isfond soċjoekonomiku, ir-reliġjon jew il-livell ta' edukazzjoni;

  • jirrispettaw il-libertà tal-kelma billi jagħtu spazju lil opinjonijiet u proposti li jikkompetu bejniethom – sakemm dawn la jkunu ta' mibegħda u lanqas illegali;

  • jiffavorixxu l-parteċipazzjoni transfruntiera taċ-ċittadini u l-użu ta' lingwi differenti tal-UE kull meta jkun possibbli u rilevanti;

  • jiggarantixxu t-trasparenza sħiħa meta jkunu qed jirrapportaw dwar dibattiti u avvenimenti;

  • jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni dwar suġġetti għal dibattitu pprovduta lill-parteċipanti (eż. materjal diġitali, stampat jew awdjoviżiv) tkun preċiża, affidabbli, aċċessibbli u jkollha referenzi traċċabbli;

  • jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-politika tal-privatezza tal-pjattaforma;

  • jiżguraw il-konformità mat-termini tal-użu u b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

  • jużaw il-logo tal-Parlament Ewropew skont it-termini tal-użu tiegħu, sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni fuq flimkien.eu.

Il-Parlament Ewropew jirriżerva d-dritt li joqgħod lura milli jippubblika jew li jneħħi kontenut minn fuq il-pjattaforma li jinstab li jkun qed jikser din il-kodiċi ta' kondotta.

F'konformità mal-Artikolu 5 tat-termini tal-użu ta' flimkien.eu, il-Parlament jirriżerva d-dritt li jittermina l-aċċess għas-Servizz għall-utenti kollha li jiksru dawn it-termini jew kwalunkwe waħda mill-politiki applikabbli għalihom.

Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jissospendi jew jittermina l-aċċess għall-kontijiet fuq flimkien.eu li huma l-proprjetà tal-Utenti Reġistrati, l-Utenti Kontribwenti, l-Organizzazzjonijiet Reġistrati jew l-Organizzazzjonijiet Kontribwenti jekk iqis li hemm raġunijiet biex jagħmel dan, mingħajr ma joħloq l-ebda responsabbiltà min-naħa tiegħu fil-konfront tal-utenti msemmija hawn fuq, u b'mod partikolari fil-każ ta' ksur ripetut ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet tat-termini u l-politiki.