Storja ewlenija ta’ flimkien.eu dwar persuna li ġabet il-bidla:
L-ESTONJA – Riin

Skoprejt dwar il-pjattaforma flimkien.eu mill-bullettin tas-Soċjetà tax-Xjenzi Politiċi fl-Università tiegħi f’Tartu. Ingħaqadt immedjatament ma’ flimkien.eu u bdejt nirċievi l-bullettini tagħhom, li joffru diversi opportunitajiet interessanti lill-qarrejja. Pereżempju, stajt nieħu sehem f’Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ fi Strażburgu u dalwaqt se mmur Brussell għal taħriġ maniġerjali. Hemmhekk qed nittama li nitgħallem aktar dwar il-maniġment, peress li ninsab involuta fil-ġestjoni ta’ proġetti b’tema tal-UE ma’ żewġ organizzazzjonijiet differenti.

Fis-Soċjetà tax-Xjenzi Politiċi fl-Università ta’ Tartu, qed norganizzaw dibattitu bejn l-iżgħar kandidati li se joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej. Qed nippjanaw ukoll avveniment biex flimkien naraw it-trażmissjoni fuq it-TV li tkopri r-riżultati tal-elezzjonijiet. Se nivvjaġġaw lejn l-Iżvezja biex hemmhekk naraw kif jaħdem l-involviment taż-żgħażagħ u biex nitgħallmu minn din l-esperjenza, u qed norganizzaw logħob tar-rwoli tal-Parlament Ewropew fl-iskejjel madwar l-Estonja. Jien qed norganizza wkoll diskussjonijiet f’panel dwar diversi kwistjonijiet soċjali mal-NGO Moviment Progressiv. Dawn l-avvenimenti kollha huma importanti għat-tħejjija taż-żgħażagħ biex jieħdu deċiżjoni infurmata fl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju.
Il-komunità flimkien.eu tgħinni nħoss konnessjoni aktar b’saħħitha mal-Unjoni Ewropea, biex insir naf żgħażagħ Ewropej entużjasti oħra, u biex nikkontribwixxi għat-tiswir ta’ komunità amikevoli, b’saħħitha u pro-Ewropea.